X’inhi l-OiRA?
Ġdid(a) għall-OiRA?
Din hija introduzzjoni qasira għall-valutazzjoni tar-riskji u kif l-OiRA tista’ tgħinek tiġġestiha.
X’inhi valutazzjoni tar-riskji?
Il-valutazzjoni tar-riskji hija l-bażi għall-ġestjoni b’suċċess tas-saħħa u s-sigurtà, u ċ-ċavetta għat-tnaqqis ta’ aċċidenti relatati max-xogħol u mard okkupazzjonali. Jekk tiġi implimentata sewwa, hija tista’ ttejjeb is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol - u l-prestazzjoni tan-negozju b’mod ġenerali.
Is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema huma protetti fl-Ewropa permezz tal-valutazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji fuq il-post tax-xogħol. L-impjegaturi għandhom dmir legali li jiżguraw is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema f’kull aspett relatat max-xogħol u li jwettqu valutazzjoni tar-riskji. Għalhekk, kull kumpanija trid twettaq valutazzjoni tar-riskji u tfassal pjan ta’ azzjoni. Sabiex titwettaq valutazzjoni tar-riskji effettiva fuq il-post tax-xogħol, dawk kollha involuti jeħtieġu fehim ċar ta’:
- il-kuntest u l-kunċetti legali;
- il-proċess użat għall-valutazzjoni tar-riskji;
- ir-rwol li għandhom jaqdu l-atturi ewlenin involuti fil-proċess.
Il-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom id-dritt li jiġu kkonsultati dwar arranġamenti biex iwettqu l-valutazzjoni tar-riskji u jipparteċipaw fiha.
Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar il-valutazzjoni tar-riskji u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u/jew tar-rappreżentanti tagħhom fil-proċess tal-valutazzjoni tar-riskji fuq is-sit web tal-proġett OiRA.
X’inhi l-OiRA?
OiRA tfisser ‘Online Interactive Risk Assessment’ (Valutazzjoni tar-Riskji Interattiva Online). Hija applikazzjoni bbażata fuq l-internet li tippermettilek twettaq valutazzjoni tar-riskji tas-saħħa u tas-sigurtà tal-post tax-xogħol tiegħek.
Għal min hija maħsuba l-OiRA?
L-OiRA tista’ tintuża minn kwalunkwe persuna biex tivvaluta r-riskji relatati mas-saħħa u s-sigurtà li jistgħu jeżistu fuq il-post tax-xogħol tagħha.
Madankollu, l-OiRA hija maħsuba biex tkun tal-akbar valur għal negozji iżgħar. L-OiRA ġiet żviluppata speċifikament biex tappoġġjahom fil-valutazzjoni tar-riskji fuq il-post tax-xogħol u tgħinhom jipproduċu valutazzjoni tar-riskji dokumentata, inkluż pjan ta’ azzjoni mfassal apposta għar-rekwiżiti tal-istabbiliment.
X’għandi nagħmel?
Hemm diversi stadji li jridu jitlestew fil-proċess tal-valutazzjoni tar-riskji tal-OiRA:
-
Preparazzjoni: xi għodod għandhom mistoqsijiet dwar il-profil li jgħinuk tfassal l-għodda skont il-karatteristiċi speċifiċi tal-istabbiliment tiegħek. Meta twieġeb il-mistoqsijiet dwar il-profil, l-għodda tadatta għas-sitwazzjoni speċifika tiegħek u turik il-moduli li japplikaw.
-
Involviment: kull valutazzjoni tar-riskji għandha ssir bl-involviment attiv tal-ħaddiema. L-għodda tippermettilek tistampa t-test sħiħ tal-valutazzjoni tar-riskji, jew partijiet minnu, sabiex tinforma lill-ħaddiema u tikseb ir-rispons tagħhom.
-
Identifikazzjoni tar-riskji: L-OiRA se tippreżenta serje ta’ perikli jew problemi potenzjali għas-saħħa u s-sigurtà li jistgħu jeżistu fuq il-post tax-xogħol tiegħek. Billi twieġeb id-dikjarazzjonijiet/il-mistoqsijiet b’iva jew le, tkun qed tiddikjara jekk dawn il-perikli jew il-problemi humiex preżenti. Tista’ tiddeċiedi wkoll li tħalli mistoqsija mhux imwieġba u mbagħad tweġibha fi stadju aktar tard.
-
Evalwazzjoni: xi għodod jitolbuk tagħti prijorità lir-riskji li identifikajt. Hemm modi differenti kif tagħmel dan, li jiddependu mid-deċiżjonijiet meħuda mis-sħab nazzjonali/mill-iżviluppaturi tal-għodda tal-OiRA u l-approċċ speċifiku tagħhom. Xi għodod jipprijoritizzaw ukoll ir-riskji awtomatikament fl-isfond u inti tkun tista’ tħassar dawn il-prijoritajiet.
-
Pjan ta’ azzjoni: għal kull riskju identifikat, l-għodda titolbok tiddeċiedi dwar miżura waħda jew aktar biex telimina jew tnaqqas ir-riskju. Ħafna mill-għodod jissuġġerulek xi miżuri. Dejjem tista’ tagħżel ukoll li ddaħħal il-miżuri tiegħek stess.
-
Rapport: inti legalment meħtieġ tiddokumenta l-valutazzjoni tar-riskji tiegħek. Fit-taqsima tar-rapport, se ssib varjetà ta’ rapporti li jgħinuk iżżomm rekord tal-valutazzjoni tar-riskji tiegħek u ssegwi l-azzjonijiet/miżuri li tkun iddeċidejt li timplimenta biex telimina jew ittaffi r-riskji identifikati.
Kemm iddum għaddejja?
Huwa impossibbli li tgħid kemm ġeneralment iddum għaddejja valutazzjoni, billi l-għodod ivarjaw skont is-settur u l-pajjiż.
Madankollu, tista’ tqatta’ kwalunkwe ħin li għandek disponibbli fuq valutazzjoni u mbagħad terġa’ lura għaliha meta jkun konvenjenti għalik u terġa’ taqbad mill-istess punt fejn tkun ħallejt.
Għaliex għandi nirreġistra?
L-ewwel ħaġa li tintalab tagħmel meta tibda l-ewwel valutazzjoni tar-riskji tiegħek hija li toħloq kont tal-OiRA - dan huwa proċess sempliċi u rapidu.
Ir-reġistrazzjoni tippermettilek li sempliċiment tilloggja fi kwalunkwe ħin biex tkompli l-valutazzjonijiet preċedenti jew tibda oħrajn ġodda.
Jekk int utent irreġistrat, għandek ukoll l-għażla li tikseb valutazzjoni tar-riskji stampata, preċiża u aġġornata fi kwalunkwe ħin.
Għandi bżonn nipprepara?
Ma għandek bżonn l-ebda tip ta’ preparazzjoni speċifika biex tibda tuża l-għodda; madankollu, għandek tieħu ftit ħin biex taħseb dwar min se jwettaq il-valutazzjoni tar-riskji u kif il-ħaddiema se jkunu involuti fil-proċess.